gov.mt

PR261841

PR261841

03/11/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imnedija 30 mappa ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea għal tfal neqsin mid-dawl – tagħlim aktar inklussiv

​​

It-tagħlim tal-ġeografija se jsir aktar aċċessibbli għal studenti neqsin mid-dawl permezz ta' inizjattiva ġdida ta' Servizzi Ewropej f'Malta, Europe Direct Valletta u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. Il-proġett jikkonsisti fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' 30 tactile maps imfassla għal persuni neqsin mid-dawl, bil-għan li aktar studenti jkollhom l-opportunità jiskopru l-ġeografija ta' Malta u tal-Unjoni Ewropea b'mod inklussiv.

Il-mapep ġew imnedija waqt attività organizzata fl-Iskola Primarja Filippo Castagna tal-Kulleġġ San Benedittu, f'Ħal Għaxaq, fil-preżenza tal-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, il-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat Julia Farrugia, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità Rhoda Garland, il-Kap Eżekuttiv ta' Servizzi Ewropej f'Malta, Rodrick Zerafa u rappreżentanti mid-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi, il-Malta Trust Foundation u s-Soċjetà Maltija tal-Għomja.

Żviluppati permezz tat-teknoloġija tal-istampar tridimensjonali (3D), il-mapep jinkludu partijiet li huma mqabbżin, b'indikaturi li jistgħu jintgħarfu permezz tas-sens tal-mess u b'kitba bil-Braille. Dan se jgħin sabiex persuni neqsin mid-dawl jew b'diżabilità fil-vista jkunu jistgħu jagħrfu l-konfini ġeografiċi, jidentifikaw l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jiskopru postijiet ewlenin fil-Gżejjer Maltin.

B'kollox saru 30 mappa, 15 ta' Malta u Għawdex u 15 tal-Unjoni Ewropea, li se jitqassmu fi skejjel, libreriji u organizzazzjonijiet li jaħdmu direttament ma' persuni neqsin mid-dawl. L-inizjattiva għandha l-għan li tgħin biex l-istudenti jkollhom opportunitajiet aktar indaqs fit-tagħlim permezz ta' riżorsi edukattivi aċċessibbli ta' dan it-tip.

Matul l-attività, studenti neqsin mid-dawl kellhom l-opportunità biex flimkien ma' sħabhom jesploraw il-mapep flimkien, filwaqt li ntwera kif dawn jistgħu jintużaw bħala għodda edukattiva fil-klassi.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li l-aċċess għall-għarfien għandu jkun dritt li jitgawda minn kulħadd. “Bħala Gvern, irridu li kull tifel u tifla jsibu l-għodod u l-appoġġ biex jitgħallmu u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. Permezz ta' din l-inizjattiva, qed inneħħu ostakli konkreti fit-tagħlim u nagħmlu l-għarfien dwar Malta u l-Unjoni Ewropea aktar aċċessibbli. Din hija l-Ewropa li rridu nressqu eqreb lejn in-nies: Ewropa li toħloq opportunitajiet indaqs u tagħmel differenza fil-ħajja ta' kuljum," qal il-Ministru.

Il-Ministru Julia Farrugia, stqarret li “kien ta' pjaċir tagħna li, permezz tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, nagħmlu dan l-investiment, għaliex dan l-investiment ma kienx proġett ta' darba, imma rridu naraw li l-inklużjoni tkun xi ħaġa ħolistika, fejn tfal li għandhom diżabilità fil-vista tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-lezzjoni bħal kull tifel u tifla oħra. Imma wkoll, permezz ta' dan l-investiment, qegħdin nilħqu numru ta' għaqdiet volontarji li flimkien se jkollhom iċ-ċans li jmexxu dan il-proġett fil-komunitajiet tagħhom."

Quiven Vella, student tal-Year 8 nieqes mid-dawl li jattendi l-Iskola Medja ta' Ħal Kirkop fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, spjega kif dawn il-mapep huma għodda utli biex jitgħallem aktar dwar Malta u l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jkollu esperjenza ta' tagħlim bħal dik ta' sħabu tal-klassi.​​

Il-proġett ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f'Malta. 

​